Il-Gozo Channel ġiet iffurmata fl-1979, biex tħaddem u tiżviluppa servizz ta’ trasport bil-baħar minn u lejn Malta, Għawdex u bnadi oħra, bil-għan li, bil-ġarr ta’ passiġġieri, merkanzija u posta, isservi lill-ekonomija nazzjonali u l-interess tal-Gżejjer Maltin.
L-istrateġija kummerċjali ewlenija tal-Gozo Channel hija li tipprovdi servizz ekonomiku, effiċjenti, profittabbli, ta’ min jorbot fuqu u sigur lil Għawdex u lill-klijenti tal-Kumpanija. Il-Kumpanija identifikat għadd ta’ elementi ewlenin sabiex tilħaq l-għanijiet tagħha. Dawn jinkludu:
• Is-sigurta’, il-kwalita’ u l-ħarsien tal-ambjent;
• Prezzijiet kompetittivi u raġonevoli u li l-Kumpanija tkun konformi mal-obbligu soċjali mistenni minnha;
• Strateġija tal-Kumpanija orjentata mas-suq u l-ħarsien tal-konsumatur.
L-ewwel bastimenti tal-kumpanija li ħadmu fuq ir-rotta, kienu l-M/V Għawdex (mixtri fl-1979), l-M/V Melitaland u MV Mġarr (it-tnejn mixtrija kmieni fl-1980). Fil-bidu, dawn il-bastimenti kienu jagħmlu medja ta’ tmien vjaġġi bir-ritorn kuljum.
F’Ġunju tal-1981 ġie introdott servizz staġjonali lejn Sqallija bl-MV Ghawdex. Il-Kumpanija ħadmet sa tliet vjaġġi fil-ġimgħa lejn Sirakuża, Katanja u eventwalment Pozzallo u s-servizz sar popolari ħafna fost il-pubbliku lokali li kien ifittex li jqatta’ ġurnata jew aktar fi Sqallija. Is-servizz twaqqaf fl-1995.
Hekk kif it-traffiku bejn Malta u Għawdex żdied, iddaħħlu aktar bastimenti fis-servizz biex ilaħħqu mad-domanda, u sal-1990 il-Kumpanija kienet qed tħaddem ħames bastimenti, fosthom servizz ta’ fast ferry bejn l-Imġarr, tas-Sliema u sa Maison, b’medja ta’ sebgħa u għoxrin vjaġġ bir-ritorn kuljum. F’dik is-sena l-Kumpanija ġarret 1.93 miljun passiġġier u 370,000 karozza.
F’nofs is-snin 90, il-Kumpanija bdiet programm ambizzjuż ħafna – il-moderniżżazzjoni tal-flotta. Ġew finalizzati l-pjanijiet għall-bini ta’ tliet bastimenti ro-ro fil-Malta Shipbuilding. L-ewwel bastiment, l-MV Ta’ Pinu, ġie introdott fis-servizz f’Marzu tas-sena 2000, filwaqt li t-tieni vapur, l-MV Gaudos, daħal fis-servizz fi Frar tal-2001. It-tielet bastiment, l-MV Malita, ġie mgħoddi lill-Kumpanija f’Marzu tal-2002. Il-bastimenti kollha għandhom teknoloġija mill-aktar avvanzata.
Il-programm ta’ moderniżżazzjoni kien ukoll maħsub favur inizjattivi għall-ħarsien tal-konsumatur. Dan huwa rifless fis-slogan li adottat il-Kumpanija: “Servizz lil Għawdex u għall-klijenti tagħna”.
Illum, il-Gozo Channel saret waħda mill-Kumpaniji marittimi ewlenin f ’Malta, b’ aktar minn 200 impjegat. Bħala medja, il-Kumpanija tagħmel 20,000 vjaġġ fis-sena, u ġġorr madwar 4.1 miljun passiġġier u 1.2 miljun vettura fis-sena, bejn iż-żewġ Gżejjer.
B’mod konsistenti mal-istorja tagħha, matul is-snin li ġejjin, il-Kumpanija se tkompli tistinka biex ittejjeb is-servizz tagħha skont l-iżvilupp ta’ Għawdex u t-talbiet tal-klijenti tagħha.
Responsabbilta’ Soċjali
Il-Gozo Channel, bħala ħolqa ewlenija bejn Malta u Għawdex, hija responsabbli li tgħaqqad lill-komunita’ Għawdxija mal-bqija tal-pajjiż, kemm fit-trasport tal-merkanzija kif ukoll fit-turiżmu. Aħna nemmnu li għandna ngħinu aktar lill-komunita’ ta’ Għawdex. F’dawn l-aħħar snin konna nvoluti f’dawn il-ħidmiet: