Biljetti Tal-Imbarkazzjoni
Sabiex jiġi żgurat li l-Kumpanija tikkonforma mar-rekwiżiti statutorji tal-Att Dwar il-Bastimenti Merkantili, kull passiġġier (kemm jekk jivvjaġġa ġo vettura u anke bħala passiġġier bla vettura) irid ikollu fil-pussess tiegħu biljett validu jew boarding pass, għall-validazzjoni, qabel ma jitla’ abbord il-bastiment. Dan huwa essenzjali biex il-Kumpanija tkun tista’ tgħodd b’mod preċiż il-persuni li jinġarru fuq il-bastimenti.
Il-biljetti standard tal-vettura (sa tul ta’ 5.3 metri) + tas-sewwieq, għal vjaġġ bir-ritorn (biljetti mhux issussidjati), jinbiegħu jew online jew fil-kabini tal-biljetti tal-vetturi tal-Mġarr (Għawdex) biss. Is-sewwieqa jimbarkaw bil-vetturi tagħhom miċ-Ċirkewwa mingħajr ma jivvalidaw il-biljett/i. Il-biljetti, kemm jekk mixtrija online kif ukoll jekk mixtrija minn għand il-bejjiegħa tal-biljetti, jiġu vvalidati biss minn Għawdex, qabel ma jibdew il-vjaġġ tar-ritorn/bidu. Passiġġieri li jibdew il-vjaġġ tagħhom mit-terminal taċ-Ċirkewwa huma ggwidati mill-ħaddiema tal-Gozo Channel fit-terminal. Il-biljetti tal-passiġġieri, kemm jekk mixtrija online kif ukoll minn għand il-bejjiegħa tal-biljetti, jiġu vvalidati biss fit-terminal ta’ Għawdex, qabel il-vjaġġ tar-ritorn/bidu. Il-biljetti standard (mhux issussidjati) huma validi għal vjaġġ bir-ritorn wieħed, u jistgħu jintużaw fi żmien sitt xhur mid-data tax-xiri. Tfal ta’ eta’ bejn 0 u sentejn (2) jivvjaġġaw b’ xejn. Il-ġenituri/kustodji jridu jitolbu biljett b’xejn tat-tfal mit-terminal tal-passiġġieri jew mill-kabini tal-biljetti tal-vetturi fl-Imġarr (Għawdex) u jiskenjaw il-biljett tat-trabi fil-postijiet tal-imbarkazzjoni. Tfal mill-eta’ ta’ 3 snin sa 12-il sena jħallsu noll ta’ EUR 1.15, madankollu, il-biljett tan-noll tat-tfal jista’ jinxtara biss mill-kabini tal-biljetti tal-Gozo Channel fl-Imġarr (Għawdex) u kull biljett tat-tfal irid jiġi vvalidat għall-imbark. Residenti permanenti li huma ċittadini anzjani (60 +) u li jippreżentaw karta tal-identita’ valida u passiġġieri li jippreżentaw karta tal-Unjoni Ewropeja valida għal persuni b’diżabilta’, lill-bejjiegħa tal-biljetti, jivvjaġġaw b’ xejn, madankollu, il-passiġġieri xorta jrid ikollhom il-biljett b’xejn biex ikunu jistgħu jimbarkaw fuq il-vapuri. Il-biljett individwali tal-passiġġieri b’ xejn jista’ jinkiseb biss minn għand il-bejjiegħa tal-biljetti, mal-preżentazzjoni tad-dokumenti mitluba, u jrid jiġi vvalidat qabel l-imbark.
Proċeduri ta’ Tqassim tal-Vetturi u tal-Passiġġieri
Sabiex tikkonforma mar-rekwiżiti statutorji, il-Kumpanija fasslet proċeduri għat-tqassim tal-passiġġieri u l-vetturi fit-terminals rispettivi. Dawn il-proċeduri huma essenzjali wkoll biex jiġi żgurat imbark strutturat ta’ passiġġieri u vetturi kif ukoll għal skopijiet ta’ kontroll u sigurta’.
Il-Kumpanija tiskuża ruħha għal kull inkonvenjent li dan jista ’joħloq lill-klijenti tagħha. Il-klijenti huma mħeġġa jsegwu l-istruzzjonijiet mogħtija mill-ħaddiema tat-terminal tal-Kumpanija f’ dan ir-rigward. Il-kooperazzjoni tal-klijenti hija apprezzata sabiex jiġi żgurat imbark ordnat għall-konvenjenza ta’ dawk kollha kkonċernati.
PROĊEDURI TAL-MANIFEST TAL-MERKANZIJA
Il-ġarr ta’ vetturi tqal huwa ħidma importanti tal-Kumpanija u għandha tingħata attenzjoni xierqa minn dawk kollha konċernati, kemm għall-aspett kummerċjali kif ukoll għall-aspett ta’ sigurta’ tal-operazzjoni ta’ tagħbija jew ħatt.
L-ippjanar tat-tagħbija u l-istivar
L-ippjanar tat-tagħbija u l-istivar għandu dejjem jiżgura li l-vapur ikollu stabbilta’/trim pożittiva skont il-kriterji mniżżla fil-ktieb ta’ stabbilta’ tal-vapur. Il-bastiment qatt m’għandu jkun mgħobbi żżejjed. Il-piż, id-daqs u n-natura tal-merkanzija, eżempju l-kunsinni perikolużi, bilfors se jinfluwenzaw is-sekwenza tat-tagħbija, iżda l-vetturi bbukkjati jew avżati minn qabel dejjem iridu jieħdu preċedenza. Barra minn hekk, suġġett għall-pjanijiet ta’ stivar, għandu jsir kull sforz biex il-karozzi jitgħabbew fl-ordni tal-wasla fiż-żoni tal-marshalling.
It-tagħbijiet perikolużi jridu jiġu aċċettati u stivati biss skont il-Kodiċi IMDG flimkien mad-dispożizzjonijiet kif stabbiliti fl-ordni permanenti speċifika tal-Kumpanija, dwar is-suġġett.
Il-vetturi u t-trejlers mhux akkumpanjati ma jistgħux jiġu aċċettati mingħajr awtoriżżazzjoni bil-miktub mit-terminal jew mill-maniġer responsabbli.
Tagħbijiet u piżijiet tal-fus
Il-piżijiet tal-vetturi kummerċjali jvarjaw minn tip ta’ vettura għall-oħra u skont il-kwantita’ u t-tip ta’ merkanzija li tinġarr. Huwa essenzjali li l-piż tal-merkanzija jinfirex tul it-tul u l-wisa’ tal-kaxxa tal-vettura jew tat-trejler biex tiġi żgurata tagħbija uniformi. Għal dan il-għan, il-Kumpanija introduċiet pjanċa għall-użin tal-vetturi (vehicle weight bridge), fl-Imġarr u ċ-Ċirkewwa, biex jiġu stabbiliti l-piżijiet fuq kull fus tal-vettura relattiva. Il-piżijiet tal-fus ma għandhom fl-ebda ċirkostanza jaqbżu t-13-il tunnellata għal kull fus. Din id-dispożizzjoni hija skont ir-Regolament 5 tal-A.L. 13 tal-1997 – Regolamenti tal-1997 dwar il-Gozo Mail and Passenger Service (Fares) li jgħid: “It-tagħbijiet fuq vetturi kummerċjali m’għandhomx jaqbżu l-kapaċita’ reġistrata tal-vettura u/jew piż tal-fus li jaqbeż it-13-il tunnellata”.
Minkejja dan li hawn miktub hawn fuq, il-piżijiet tal-fus għal żewġ (2) vetturi bil-fus ma għandhomx jaqbżu l-14-il tunnellata għal kull fus, sakemm id-distanza bejn ir-roti ma taqbiżx l-2000 mm u l-fusien ta’ quddiem u ta’ wara ma jiġux separati b’aktar minn 1500 mm (imkejla miċ-ċentru ta’ kull fus).
Kontroll u Sigurta’
L-impjegati tal-Kumpanija għandhom jiżguraw li l-imbark isir fl-ordni xierqa. Il-koperazzjoni tal-klijenti f’dan ir-rigward hija għalhekk apprezzata ħafna.
Sewwieqa tat-Trakkijiet
Il-vetturi kollha jridu jkunu akkumpanjati minn sewwieq meta jitilgħu abbord il-vapur u matul il-vjaġġ, ħlief meta jkun sar arranġament minn qabel mal-Kumpanija u dan jiġi aċċettat bil-miktub.